Il-Karmelitani fil-Balluta
Nafu mill-istorja li l-ewwel patrijiet Karmelitani li marru fil-Balluta nhar it-22 ta’ Mejju 1890 kienu, Patri Anġlu Mallia li kien il-Pirjol, Patri Avertan Said u Patri Albert Grech. Magħhom kien hemm ukoll fra. Għall-ewwel dawn kienu joqogħdu f’wieħed mill-mezzanini li kellhom il-fratellanza tal-Karmnu li kienet mwaqqfa fis-Santwarju Bazilika tal-Karmnu il-Belt kellhom ġewwa l-Balluta. Meta ġew, ngħataw merħba kbira li fiha ħadu sehem bosta patrijiet u nies distinti. Nafu li l-ewwel sar diskors ta’ merħba lill-Patrijiet mill-Rettur tal-Fratellanza li kien l-avukat Vincenżo Pons u wara dan ta ċ-ċwievet tal-knisja li kienet diġa teżiżti lill-Vigarju Provinċjali Patri Lwiġi Malfatti. Meta akkwistaw l-art il-patrijiet mill-ewwel bdew jaħsbu biex jibnu kunvent ġdid fuq pjanta tal-perit Galvani Trevisani. Ha ħsieb ix-xogħol il-ħabrieki Patri Ġiljan Callejja. Biex sar dan il-kunvent daħlu għal din l-ispiża l-kunventi tal-Belt u tal-Mdina.
Il-kunvent kien lest għal kollox f’Mejju tas-sena 1892 u ġie mbierek u miftuħ uffiċjalment mill-Pirjol Ġenerali tal-Ordni Patri Lwiġi Galli. Dan nistgħu narawh mill-irħama li hemm imwaħħla int u nieżel mill-kunvent għall-knisja. Din l-irħama bil-Latin saret meta Patri Dijonisju Attard li kien Pirjol fil-1958.



Mal-wasla tal-Patrijiet Karmelitani fil-Balluta l-post beda jiżviluppa aktar malajr. Fil-fatt fis-6 ta’ Diċembru 1900 il-Pirjol kien sejjaħ laqgħa tal-komunità magħmula minnu u żewg patrijiet oħra li kienu Patri Anastasju Cuschieri u Patri Ġużepp Dalli. Il-proposta li għamlu kienet li jkabbru l-knisja biex ilaħħqu mal-bżonnijiet spiritwali tan-nies. Huma talbu lill-Kurja Arċiveskovili biex jisselfu s-somma ta’ £250 (Sterlina) bl-imgħaxx ta’ tlieta fil-mija. Billi l-£250 li sselfu mill-Kurja ma servewx, il-patrijiet isselfu £100 oħra mill-kunventi tal-Belt u tal-Mdina. Naraw li fis-sena 1906, l-patrijiet ħadu biċċa mill-ġnien tal-mezzanini biex ikabbru s-sagristija. Il-knisja kienet magħmula mill-kor, żewġ navati, kursija u sagristija. Din il-knisja ġiet ikkonsagrata mill-Arċisqof Dom Mauro Caruana OSB, fl-1911.
Ħamsin sena wara, il-patrijiet reġgħu ħassu l-bżonn biex ikabbru il-knisja għaliex ma kienx baqa’ post ta’ villeġġjatura, imma sar post residenzjali u għalhekk il-popolazzjoni kibret. Tajjeb li ngħidu li l-knisja qatt ma ġiet milquta mill-bombi tal-għadu waqt il-gwerra iżda is-saqaf kellu bżonn ħafna manutenzjoni. Fil-11 ta’ Jannar 1955 kienet studjata l-pjanta tal-knisja l-ġdida magħmula mill-periti Micallef. Fit-3 ta’ Awissu 1958 il-Pirjol Provinċjal, Patri Karmelu Vella bierek l-ewwel ġebla ta’ din il-knisja. Ix-xogħol fuq din il-knisja beda miexi ġmielu. Peress li l-knisja l-ġdida nbniet madwar il-knisja l-antika kien hemm bżonn li din tinħatt għaliex kienet fi stat perikoluż li jiġġarraf xi ħaġa minnha. Wara li tlesta x-xogħol ta’ twaqqiegħ tal-knisja u x-xogħol tal-madum tal-art, bdiet tiġi wżata l-knisja. Tkompliet tinbena l-faċċata tal-knisja bil-kampnari b’kollox. Fit-12 ta’ Diċembru 1984. l-E.T. Mons Ġużeppi Mercieca, Arċisqof ta’Malta, ddedika u kkonsagraha lil Alla, f’ġieħ Ommna Marija tal-Karmelu. Fil-knisja saru diversi opri sbieħ fosthom pitturi, stained glass, bradella u mant ġdid għall-istatwa tal-Karmnu. Ftit żmien ilu sar ukoll artal tar-ripożizzjoni għall-Ħamis ix-Xirka.
Il-Knisja tal-Karmnu tal-Balluta ssir parroċċa
Kienet ix-xewqa ta’ bosta li din il-knisja tiġi mgħollija għall-grad ta’ parroċċa. Għalhekk L-E.T Mons. Mikiel Gonżi nhar il-25 ta’Mejju 1974, ħareġ id-digriet ta’ din il-parroċċa li kellu jibda jseħħ minn nhar il-Ħadd 16 ta’ Ġunju 1974.
Il-Kappillani li saru minn dak iż-żmien ‘l hawn huma: P. Damjan Cachia li kien l-ewwel Kappillan, P. Leonard Mahoney, P. Raymond Calleja, P. Richard Falzon, P. Joseph Falzon, P. Maurice Abela w l-Kappillan tal-lum P. Joseph Saliba.
It-twelid tal-parroċċa ġab miegħu il-ħolqien ta’ ċentru parrokkjali. Dan kien jintuża għal diversi attivitajiet bħal laqgħat tal-għaqdiet, katekiżmu, laqgħat kulturali, kif ukoll għal kompetizzjonijiet ta’ logħob tal-billiard u table tennis. Għall-bidu, iċ-Ċentru Parrokkjali kien fil-Queens Hall, fi Triq il-Kulleġġ l-Antik. Wara nbena ċ-Ċentru Parrokkjali l-ġdid, li tlesta fis-16 ta’ Ġunju 1986. Kien il-Kappillan P. Leonard Mahoney li ta bidu għal dan il-bini ġdid fil-ġnien tal-kunvent fi Triq Scicluna. Dan iċ-ċentru ġie msejjaħ ‘Titu Brandsma’ u għadu jintuża sal-lum.
Entitajiet u għaqdiet reliġjużi fil-Parroċċa tal-Balluta
L-ewwel għaqda li ġiet mwaqqfa qabel it-twaqqif tal-parroċċa kienet dik tat-Terzjarji Karmelitani li skont ir-reġistri juru li l-ewwel Terzjarja, Dolores Calleja, nkitbet Terzjarja fit-13 ta’Ottubru 1886 mid-direttur P. Eliżew Zarb. Illum insibu diversi entitajiet u għaqdiet reliġjużi f’din il-Parroċċa bħal: Komunità Karmelitana, Sorijiet tas-Sacred Heart li jmexxu skola u joffru spazju għat-tagħlim tad-duttrina, (fiċ-ċentru parrokkjali tiġi ukoll mgħallma id-duttrina), Kappella Ġesù Ħabib li titmexxa mill-Patrijiet Frangiskani f’għaqda sħiħa mall-Patrijiet Karmelitani, Kunsill Pastorali Parrokkjali, Kummissjoni Liturġika, Kummissjoni Kateketika, Kummissjoni Familja, Kummissjoni Djakonija, Kummissjoni Festa Esterna li flimkien mas-Soċjeta Mużikali, Tal-Karmnu Balluta li twaqqfet fil-1987, jgħinu lill-Prokuratur tal-festa biex issir festa li tixraq il-Madonna tal-Karmnu; Grufan, Leġjun ta’ Marija (Nisa), Azzjoni Kattolika (Nisa), YLOM TEENS (Grupp Adolexxenti u Żgħażagħ) u l-Comunità Abramo.
Insibu wkoll diversi gruppi Parrokkjali bħal: Abbatini, Anzjani, Helpers tal-Kappella tal-Adorazzjoni, Kor Parrokkjali, Armar tal-knisja, Ministri Straordinarji tat-Tqarbin, Letturi, Grupp tal-Ħniena Divina, Grupp tal-Kitarri u tat-Tqassim tal-Fuljett.


Kienu bosta l-patrijiet, reliġjużi u lajċi li ħadmu bla serħan f’din il-parroċċa.
Nitolbu lill-Madonna tal-Karmnu biex tħarisna dejjem u tagħmilna wlied veri tagħha.
Patri Hermann Duncan O.Carm
Balluta.