It-Terz’Ordni Karmelitan
It-Terz’Ordni tal-Madonna tal-Karmnu hija assoċjazzjoni ta’ lajċi li, bi tweġiba għas-sejħa ta’ Alla, jwegħdu li jgħixu l-Vanġelu fl-ispirtu tal-Ordni Karmelitan u taħt it-tmexxija tiegħu. Flimkien mal-lajċi, qassisin djoċesani, li jsibu fil-kariżma Karmelitana għajnuna għall-ħajja spiritwali tagħhom u għall-missjoni fil-Knisja u fid-dinja, jistgħu jkunu wkoll membri fit-Terz’Ordni Karmelitan.
It-Terz’Ordni Karmelitan hija marbuta mal-Ordni Karmelitan b’permezz ta’ wegħda li wieħed jagħmel. Huwa possibbli, fuq drawwa antika, li jsiru voti privati ta’ kastità u ubbidjenza, skont l-istat tal-individwu, biex ikunu kkonsagrati aktar mill-qrib ma’ Alla.
Il-Karmelitani Lajċi, Mimlijin bl-ispirtu tal-ordni, ifittxu li jgħixu l-vokazzjoni tagħhom billi fil-kwiet jisimgħu l-Kelma ta’ Alla, Lectio Divina. Skont it-tradizzjoni kostanti tal-Karmelu, huma jitrawmu fil-forom kollha tat-talb.
Il-membri tat-Terz’Ordni jsibu l-ispirazzjoni u l-qawwa biex jgħixu din l-għamla ta’ ħajja qaddisa fuq l-ispirtu tal-Verġni Mqaddsa Marija u tal-Profeta Elija.
Waqt il-ħajja ta’ kuljum, fuq il-post tax-xogħol, fil-ħajja soċjali u fir-relazzjonijiet ma’ nies oħra, il-membi tat-Terz’Ordni Karmelitan ifittxu li jaraw l-immaġini ta’ Alla. Jippruvaw jgħixu fl-ispirtu tal-Beatitudini, umli u konsitantement iħaddmu l-virtujiet ta’ onestà, ġustizzja, sinċerità, ġentilezza u qawwa, li mingħajrhom l-ebda ħajja Nisranija jew umana ma hi possibbli.
It-Terz’Ordni Karmelitan tal-Balluta jiltaqa’ kull l-ewwel Ħadd u kull l-ewwel Tnejn tax-xahar bejn 10.00am u 12.00pm., fiċ-Ċentru Titu Brandsma, Triq Scicluna, San Ġiljan.
Persuni ta’ kuntatt:
President tal-Fraternità: Is-Sur Mario Attard. (Tel. 21314684)
Segretarju: Is-Sur Charles Axiak. (Tel. 21338923)
Assistent Spiritwali: P. Guido Micallef O. Carm. (21314187)