IL-KARMELITANI ĠEWWA AYLESFORD, L-INGILTERRA

Il-kunvent ta’ Aylesford jew kif inhu magħruf “Il-Patrijiet huwa kunvent tal-Karmelitani ħdejn Maidstone, ġewwa Kent fl-Ingilterra. Huwa twaqqaf mill-ewwel Karmelitani fis-sena 1242 li ġew mill-art mqaddsa taħt il-patronċinju tal-Kruċjat Richard de Grey li tahom biċċa art li kienet propjeta tiegħu ġewwa Aylesford.

Fl-1247 l-Arċisqof ta’ Rochester għaraf uffiċjalment il-Karmelitani ta’ Aylesford, u l-ewwel knisja ta’ Ordni ġdid ġiet ddedikata s-sena ta’ wara. L-ewwel Karmelitani kienu eremiti iżda wara saru mendikanti li jfisser li ma setgħux ikollhom propjeta tagħhom u kellhom jiddependu fuq donazzjonijiet u l-għoti tal-flus.

Aylesford huwa magħruf għad-dehra ta’ San Xmun Stock fis-seklu sittax, li saritlu mill-Madonna, fejn wegħditu l-ħarsien lill kull min jilbes il-libsa tal-Karmelu. L-ilbies tal-labtu wara sar devozzjoni Marjana mportanti fil-knisja.

Waqt is-saltna tar-Re Enriku VIII fl-1538 ġew meħudha l-Kunventi u għalhekk il-kunvent ta’ Aylesford għadda f’idejn Thomas Wyatt li kellu Kastell f’Allington. Il-familja Wyatts tilfu l-artijiet tagħhom taħt ir-Reġina Marija u iktar tard fis-saltna tar-Reġina Elizabetta I, John Sedley ħa pussess tal-propjeta. Huwa għamel ħafna tibdiliet fil-bini fl-1590.

Fl-1633, Peter Rycaut, xtara l-Kunvent ta’ Aylesford, iżda matul il-gwerra l-kunvent ġie ssekwestrat mill-Forżi tal-Parlament u għall xi żmien serva bħala l-post għall-laqgħat tal-kumitat tal-Parlament ta’ Kent. Iktar tard fl-1657, John Banks xtara il-kunvent u fl-1670 bidlu għall-Palazz. Il-Palazz intiret mit-tifla tiegħu, Elizabetta Banks u r-raġel tagħha li iktar tard sar l-ewwel Konti ta’ Aylesford.

Fis-seklu għoxrin, is-sinjura Woolsey u żewġ bintha ħadu l-post f’idejhom, u beda jintuża bħala ċentru importanti għall-attivitajiet ta’ l-iscouts. Fl-1930 kien hemm nar kbir li ħoloq ħsarat kbar.

Fl-aħħar, jiġifieri fI-1949 il-Karmelitani kellhom iċ-ċans li jixtru lura l-kunvent ta’ Aylesford. P. Malachy Lynch kien l-ewwel pirjol f’dan il-kunvent u ħa l-kariga biex jirranġa l-bini li ftit żmien wara kellu jsir ċentru għall-pelegrinaġġi. Waqt ir-restawr ħafna mill-aspetti oriġinali medjevali, reġgħu dehru. P. Malachy ħareġ bl-ideja ta’ Santwarju “fil-miftuħ” u flimkien ma xi benefatturi oħra għaqad grupp ta’ nies tas-sena u artisti biex jgħinuħ fil-proġett. P. Malachy fisser l-kunvent bħala “Talba fil-ġebla”.

Fl-1965 fil-presenza tal-Kardinal Heenan u l-Arċisqof Cyril Cowderoy, is-Santwarju reġa ġie ddedikat biex iservi bħala ċentru ta’ talb għall-insara ġewwa Kent.

L-iktar bini reċenti li sar fil-kunvent ta’ Aylesford huwa dak magħruf bħala l-ġnien tal-ħitan dojoq li jestendi mid-‘dar tal-bieb’ ta’ seklu sittax. Id-‘dar tal-bieb’ kienet kamra ħdejn il-bieb ta’ barra, mibnija bħala għassa fid-daħla tal-kunvent meta kien Palazz. Il-parti fejn tista timxi fil-ġnien huwa kollu ċċangat u fih hemm il-kitba ‘paċi‘ f’iktar minn 300 lsien.

Il-kunvent fih ukoll passaġġ bil-weraq tul ix-xmara Medway imsejjaħ il-Mixja tar-Rużarju li twassal għan-niċċa fejn hemm pittura tal-viżjoni tradizzjonali ta’ San Xmun Stock u l-labtu mqaddes. Tul is-sekli, eluf ta’ pellegrini mxew din il-mixja. Hemm ukoll misraħ kbir bil-bankijiet twal li jinsab fiċ-ċentru tal-kunvent. Fil-misraħ hemm diversi kappelli żgħar li jinkludu l-kappella tal-kor, il-kappella tal-klawsura, l-kappella ta’ San Ġużepp, u l-kappella prinċipali li fiha skultura enormi tal-Verġni Marija. Il-kunvent fih ukoll kappella bir-relikwa ta’ ras San Xmun Stock. Il-Kunvent medjevali fih ukoll ‘Guesthouse’ bit-80 kamra tas-sodda, mdawwar minn-art sabiħa li jilqa l-kull min qed ifittex il-paċi u l-kwiet. Il-post huwa użat ukoll għall-irtiri u konferenzi. Kull min iżur il-post huwa mistieden jieħu sehem fl-orarju tal-Komunità Karmelitana li tagħmel kuljum.

Inħeġġu lil dawk kollha devoti tal-Madonna tal-Karmnu biex jżuru dan il-Kunvent mbierek.

Hermann Duncan O.Carm

Balluta

 

IS-SORIJIET KARMELITANI F’GĦAWDEX

Bħalma kulħadd jaf is-sorijiet Karmelitani missjunarji ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesu jinsabu f’Għawdex u għalhekk ħsibt li nikteb xi ħaġa fuqhom biex kulħadd jkun jaf meta ġew u x’Appostolat qegħdin jwettqu fil-ġżira Għawdxija. Dawn is-sorijiet ġew mwaqqfa mill-Beata Maria Crocifissa Curcio. Din twieldet fit-30 ta’ Jannar 1877 ġewwa Ragusa fis-Sqallija, min Salvatore Curcio u Concetta Franzo. Fil-magħmudija tawha l-isem ta’ Rosa. Meta kellha 13 il-sena nkitbet fit-Terż Ordni Karmelitan fis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu qrib id-dar tagħha.

Hija bdiet l-ewwel esperjenza ta’ ħajja komunitarja flimkien ma’ ftit mill-membri tat-Terz Ordni f’appartament żgħir tal-familja tagħha. Aktar tard ġiet mibgħuta lejn Modica fejn ħadet ħsieb il-Carmela Polara li għenet bniet fqar u orfni. Hija għamlet il-professjoni tagħha bl-isem ta’ Maria fl-1895 u ftit wara, fl-età ta 19 ġiet magħżula bħalha Prijura tal-Kapitlu.

F’Ġunju tal-1924 hi ltaqgħet ma’ Patri Lorenzo Van Den Eerenbeemt, li kien Patri Karmelitan u fl-aħħar irnexxielha tikseb l-appoġġ u l-ftehim tal- missjunarju tagħha. Fis-17 ta’ Mejju 1925 hija marret Ruma għall-kanonizzazzjoni ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. L-għada flimkien ma’ P.Lorenzo, hi żaret Santa Marinella f’Ruma. Hawnhekk hi sa fl-aħħar, irnexxielha twaqqaf l-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Karmelitani Missjunarji ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Fis-16 ta’ Lulju ta’ 1926 l-istitut ta’ Madre Curcio ġie affiljat ma’ l-ordni Karmelitan b’digriet tal-Pirjol Ġenerali Patri Elias Magennis u fit-13 ta’ April 1930 il-Kardinal Tomaso Pio Boggiani ħareġ id-digriet djoċesan għal din il-kongregazzjoni.

Meta Patri Bernard Farrugia kien Pirjol Provinċjal tal-Karmelitani Maltin fis-sena 1951 ltaqa ma’ Patri Lorenzo van den Eerenbeemt fejn ħajru biex iħajjar xi Maltin biex jidħlu f’din il-kongregazzjoni Karmelitana bi-skop li jmorru fil-missjoni. Patri Bernard kien issaħħar dwar din il-kongregazzjoni u għamel min kollox biex xebbiet Maltin jidħlu magħhom umbagħad ra kif għamel biex jwaqqaf kunvent ġewwa Għawdex.

Wara li Patri Bernard Farrugia għamel kuntatt mal-Beata Maria Curcio u Patri Lorenzo, kellem lill-Isqof t’Għawdex Mons Ġuzeppi Pace biex jtihom il-permess meħtieġ. L-ewwel dar li kellhom kienet fit-triq San Pietru u San Pawl ġewwa Kerċem. Suor Domitilla Cassar ġiet maħtura mill-Beata Maria Crocifissa bħala Superjura. Il-kunvent ġie inawgurat uffiċjalment fl-24 ta’ Ottubru 1957 mill-Isqof Joseph Pace.

In-nies kienu jħobbuhom ħafna u għalhekk kienu ġenerużi magħhom iżda is-sorijiet ħadmu kemm felħu biex hemmhekk jwaqqfu skola. Il-kariżma speċifika tal-kongregazzjoni tas-sorijiet Karmelitani ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesu kienet sa’ mill-bidunett, l-edukazzjoni tat-tfal u l-formazzjoni tajba tat-tfal u tat-tfajliet l’aktar dawk ġejjin minn familji foqra jew familji bi problemi. Għalhekk fl-1 ta’ Marzu 1958 infetħet l-iskola Santa Tereza għall-ewwel darba biex tilqa’ fiha l-ewwel studenti ċkejknin. Għall-bidu kienu madwar 25 tifel u tifla bejn it- 3 u 5 snin iżda mbagħad komplew jiżdiedu.

Il-kunvent u l-kappella l-ġdida fit-Triq Dr. A.Callejja ġew inawgurati fis-16 ta’ Awissu 1964. Il-kappella sservi għall-ċelebrazzjonijiet liturġiċi kif ukoll għat-talb komunitarju li jsir mis-sorijiet. Fis-sena 1973 ġie kkonsagrat l-artal ta’ din il-kappella mil-Isqof t’Għawdex Mons. Nikol Cauchi. Fid-9 ta’ Ottubru 1980 l-isqof Mons Nikol Cauchi ħatar lil-Dun Karm Borg bħalha l-ewwel kappillan tas-sorijiet Karmelitani ta’ Kerċem.

F’din il-kappella jsiru diversi funzjonijiet fosthom, il-festa ta’ Santa Tereża tal-bambin Ġesu kif ukoll il-festa tal-Madonna tal-Karmnu. Billi llum il-fundatriċi tagħhom hija beata ukoll jagħmlu xi ċelebrazzjoni apposta. Waħda mill-akbar ċelabrazzjonijiet li saret f’din il-kappella kienet meta nġiebet l-urna ta’ Santa Tereża tal-Bambin Gesu fil-30 ta’ Lulju 2003 fejn damet xi siegħat fil-kappella. Barra min hekk jieħdu ħsieb grupp ta’ Terzjarji Karmelitani li jitmexxa min Patri Alex Scerri O.Carm. Ftit snin ilu saret ċelebrazzjoni fil-knisja parrokjali ta’ Kerċem mil-Isqof Mons Mario Grech fejn twaqqaf ufficjalment it-Terz ordni.

Is-sorijiet Karmelitani jinsabu ukoll f’numru 3, fit-telgħa tal-Belt fir-Rabat Għawdex. Kien is- saċerdot Mons George Agius li ħallilhom fil-wirt tiegħu din id-dar, u huma marru jgħixu fiha wara l-mewt tiegħu fl-1961. Din id-dar illum tintuża biex jieħdu ħsieb l-anzjani.

Barra mid-djar ta’ Kerċem u dik tar-Rabat fin-nofs tas-sebgħinijiet is-sorijiet ħassew il-bżonn li jkollhom post ta’ mistrieħ, l-aktar fil-ġranet sħan tas-sajf, u għalhekk bnew dar ta’ villeġjatura fix-Xwejni.

Nitlobkhom biex titolbu għall-dawn is sorijiet ħalli l-Mulej jagħtihom is-saħħa fl-appostolat li qed jagħmlu kif ukoll biex jkollhom xi vokazzjoni ġdida.

Patri Hermann Duncan O.Carm

Balluta

Il-kunvent u l-kappella tas-sorijiet Karmelitani f’Kerċem Għawdex